Nhar is-Sibt 30 ta’ April 2016 kienet ġurnata speċjali ghall-iskola tagħna li konna ilna nistennew sena. Kienet waslet ġurnata oħra ta’ agrikulturiżmu fi Sqallija!
Konna grupp sabiħ ta’ madwar sittin ruħ, membri tal-istaff, ġenituri, tfal u l-qraba tagħhom. Wasalna Pozzallo u qbadna t-triq għall-ażjenda ta’ fejn jiġi pproċessat iż-żejt taż-żebbuġa. Waqafna għal ftit ħin biex nitrejqu b’ xi kikkra kafe kappuċċino u xi croissant ma naqasx ukoll. Wasalna fl-ażjenda taż-zejt taż-żebbuġ fejn rajna vidjo ferm interessanti dwar kif jiġi pproċessat iż-żejt taż-żebbuġa kif ukoll dwar l-importanza li din l-ażjenda tagħti lill-ambjent. Hawnhekk ġejna servuti bi platti kbar mimlija ħobż fejn qagħdna nbilluh fiż-żejt kif ukoll ma’ kaponata magħmulha mill-istess ażjenda. Xi tjubija! Hawnhekk stajna nixtru wkoll żejt b’togħmiet differenti u xi prodotti oħra.
Tlaqna għal Chiaramonete Gulfi raħal pittoresk fejn dħalna nżuru diversi mużewijiet magħrufa fosthom il-mużew tal-arti sagra, kollezzjoni ta’ armamenti u oġġetti oħra tal-gwerra, mużew ta’ kollezzjoni ta’ għasafar ibbalzmati, strumenti mużikali antiki minn madwar id-dinja kollha kif ukoll għodod antiki li kienu jużaw għat-tagħsir taż-żejt taż-żebbuġa. Wara morna mixja ġo ġnien sabiħ immens ta’ forma tonda minn fejn stajna naraw veduta pittoreska ħafna. Sintendi hawn ma waqafnix niġbdu ritratt wara l-ieħor! Wara irħejnilha għall-ikla stil sqalli kollox komplut f’ambjent sabiħ ukoll. Kien jonqos ftit ħin għax-xiri miċ-ċentru kummerċjali Ipercoop Ibleo.
Wasalna Pozzallo fejn kellna x-xorti li noqogħdu siegħa żejda nippassiġġaw mal-kosta tal-baħar, nieklu xi ġelat u nixtru l-kannoli tal-irkotta li Sqallija hi tant magħrufa għalihom. Wara tlaqna biex nirkbu l-katamaran fi triqna lejn Malta. Kienet esperjenza oħra li minbarra li tgħallimna affarijiet interessanti serviet ukoll biex stajna naqtgħu xi ftit mir-rutina u nistriehu f’ambjent li jserraħlek moħħok kif ukoll inqattgħu ftit ħin ma’ kollegi, qraba u ħbieb. Għal din il-ġita ġew użati s-servizzi ta’ Joe Micallef Travel.
MG Bailey